Tnediet it-tielet edizzjoni tal-Malta Business Awards, li qed tittella’ mill-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, b’kollaborazzjoni mal-Malta Enterprise.
L-unuri se jitqassmu fuq erba’ kategoriji, li huma inizjattivi distinti, ambaxxaturi tal-innovazzjoni u s-sostenibbiltà, iċ-ċelebrazzjoni tan-negozji u t-trasport nazzjonali. Biex b’hekk se jkunu qed jingħataw total ta’ tlieta u għoxrin award.
L-applikazzjonijiet, li diġà fetħu, jagħlqu fis-7 ta’ Awwissu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, Abigail Mamo, spjegat li, b’dawn l-awards, qed tinħoloq pjattaforma ta’ rikonoxximent li se tispira oħrajn b’inizjattivi tajbin, li diġà qed jieħdu negozji lokali.
Hi ħeġġet lin-negozji biex jipparteċipaw f’dawn l-awards li l-għan tagħhom hu li jagħtu ġieħ lin-negozji Maltin.
Min-naħa l-oħra, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, qal li l-entità governattiva għandha sehem attiv biex tkun ta’ spalla għall-intrapriżi, permezz tad-diversi skemi li toffri, ilkoll maħsubin biex il-kumpaniji jgħollu l-istandards u l-kwalità tas-servizzi li joffru.
Għal aktar informazzjoni dwar il-Malta Business Awards ta’ din is-sena, wieħed jista’ jżur is-sit uffiċjali maltabusinessawards.mt.