Fetħu l-applikazzjonijiet għall-premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2022.
Dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn fiha ġie sostnut is-sinifikat ta’ dan il-premju li jirrikonoxxi l-bżulija tal-ħaddiema fi żminijiet ta’sfidi.
Iċ-Chairperson tal-Bord Premju Ħaddiem tas-Sena, Angela Agius sostniet kif b’kollox, fl-edizzjoni ta’ din is-sena ser ikun hemm disa’ kategorji ta’ premji għal din is-sena.
Dawn jinkludu l-aħjar imprenditriċi, l-aħjar imprenditur, l-aktar mexxej/ja żagħżugħ/a ispiranti u l-aktar kumpanija li tippromwovi r-responsabbiltà soċjali.
“Din is-sena ser ikollna disa’ kategoriji. Naturalment hemm il-premju ewlieni, il-premju nazzjonali ħaddiema tas-sena u apparti minn kollu, din is-sena introduċejna kategorija ġdida, kategorija speċjali. Inħeġġeġ lit-telespettaturi tagħna sabiex japplikaw u jitfgħu n-nominazzjonijiet”
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul.
Huwa sostna li l-gvern dejjem ħa ħsieb jassigura li jkun mal-ħaddiema f’kull mument; anke f’dawk l-aktar diffiċli u li kienu jirrikjedu aktar sagrifiċċju minn qatt qabel.
Qal ukoll li l-gvern huwa kommess li jibqa’ jaħdem favur aktar tisħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema u li jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol.
“Illum ħabbarna dan il-proċess Premju Ħaddiema tas-Sena propju biex bħala Gvern nirrikonoxxu l-bżulija u l-karattru ħabrieki tal-ħaddiema Maltin li bis-saħħa tagħhom il-pajjiż baqa’ għaddej anke fl-aktar żminijiet diffiċli.”
L-applikazzjonijiet huma aċċessibli mis-sit: socialdialogue.gov.mt .
L-applikazzjonijiet se jagħlqu fil-31 ta’ Ottubru filwaqt li ċ-ċerimonja ser issir fis-16 ta’ Diċembru.