Fetħu l-applikazzjonijiet għall-Maritime Proof of Concept Fund li twiegħed fil-budget li għadda. Dan se joffri mitt elf ewo lil min joħroġ b’inizjattivi relatati mal-qasam marittimu. Kull proġett jista’ jieħu sa ħamsa u għoxrin elf ewro grazzi għal ftehim bejn l-Università ta’ Malta u Transport Malta.
Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella, fisser l-importanza ta’ ftehim bħal dan għall-industrija marittima: “Ir-riċerka fis-settur marittimu u dak li jikkonċenra lilu u l-ekonomija l-blu għandu jkollhom irwol li jikber biex nimxu ‘l quddiem minħabba li aħna stat kostali. L-impenji kollha li nistgħu npoġġu mar-riċerka f’dan il-kamp żgur li se jagħmlu l-ġid.”
Iċ-Chairman ta’ Transport Malta Joseph Bugeja fakkar li din il-koperazzjoni bdiet fl-2017 b’allokazzjoni li saret b’mod li assigurat total ta’ mitt elf ewro għal kull sena.
Huwa qal, “Kulħadd jaf is-settur marittimu kemm hu importanti għall-Awtorità u għal Malta, u nemmnu li din il-kollaborazzjoni hija f’direzzjoni tajba u determinati li nkomplu ngħinu lill-Università f’dan is-settur.”
Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg fakkar li l-innovazzjoni hija fil-qalba tal-viżjoni tal-Gvern anke fis-settur marittimu, li jiġġenera aktar minn erbatax fil-mija tal-prodott domestiku gross u joħloq eluf ta’ impjiegi.
Huwa stqarr: “Inħallu f’idejn l-akkademiċi, riċerkaturi u esperti biex jersqu ‘l quddiem bil-proposti tagħhom, proposti nnovattivi li jistgħu jkunu f’diversi wċuħ tas-settur. Minn hemm naraw li bl-għajnuna jistgħu jaslu għall-punt li l-idea tagħhom taħdem anke kummerċjalment.”
L-applikazzjonijiet se jintlaqgħu minn fuq is-sit www.takeoff.org.mt.