Bdew jintlaqgħu l-applikazzjonijiet għall-korsijiet għas-sena akkademika li jmiss fl-arti, fil-mużika, fiż-żfin u d-drama. In-numru kbir ta’ korsijiet offruti fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli ivarjaw minn livell bażiku sa livell ta’ Diploma.
Il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli għandu l-għan speċifiku li jtejjeb u jikkordina l-edukazzjoni tal-arti performattiva u viżiva f’Malta u Għawdex.
Il-Kap tal-Kulleġġ Victor Galea qal illi uħud mill-korsijiet se jkunu offruti online u dan wara l-esperjenza pożittiva tas-sena akkademika li għaddiet, meta minħabba l-għeluq tal-iskejjel ħafna mit-tagħlim kellu jsir online.
Fost il-korsijiet li se jingħataw b’mod virtwali hemm: l-Apprezzament tal-Arti; suġġetti relatati mal-istudju tat-Teatru/Drama, kif ukoll l-Istorja tal-Mużika. Is-Sur Galea qal li dawn l-inizjattivi se jagħtu opportunità, speċjalment lill-istudenti minn 16-il sena ’l fuq, sabiex isegwu taħriġ minn djarhom f’ħinijiet komdi għalihom.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Owen Bonnici, qal li permezz ta’ dan il-kulleġġ li twaqqaf fl-2018 hemm aktar possibilitajiet għall-istudenti Maltin u Għawdxin fil-vjaġġ edukattiv tagħhom.
It-tagħlim fl-edukazzjoni viżiva u performattiva jibda fl-ewwel ta’ Ottubru fl-iskejjel rispettivi ta’ Malta u Għawdex.
Il-prospett tal-korsijiet jinsab online fuq is-sit tal-Ministeru għall-Edukazzjoni education.gov.mt filwaqt li l-applikazzjonijiet qed jintlaqgħu fuq is-sit art.mikielantonvassallicollege.gov.mt