Infetħu l-applikazzjonijiet għall-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex għas-sena d-dieħla, li se jsir bejn is-Sibt 22 ta’ Frar u t-Tlieta 4 ta’ Marzu.
Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, fejn intqal li l-għan ta’ din l-edizzjoni hu li mhux biss ikompli jkabbar din l-ikbar manifestazzjoni kulturali fil-gżira Għawdxija, imma jsaħħaħ il-parteċipazzjoni f’din il-festa ta’ briju.
Intqal li l-organizzazzjoni ta’ din l-attività huwa f’idejn it-tim ‘Events in Gozo’, fi ħdan id-Direttorat tal-Wirt Kulturali. Fakkar ukoll kif aktar kmieni din is-sena, il-Ministeru nieda skema ta’ għajnuna finanzjarja sabiex jinkera fond li fih jinbnew karrijiet jew maskri grotteski għall-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex.
“Qegħdin naraw li anke s-sena d-dieħla nsaħħuh ferm aktar anki mis-snin passati sabiex propju nibqgħu noffru attrazzjoni mill-aqwa hawnhekk ġewwa l-gżira Għawdxija, anki matul il-perjodu forsi li jkun aktar kwiet ġewwa Għawdex.”
L-applikazjonijiet jistgħu jiġu sottomessi online sal-għada ta’ Santa Marija, minn fuq is-sit gozo.gov.mt.