L-iskola Maltija għall-Mużika ppubblikat il-prospett il-ġdid tagħha għas-sena elfejn tnejn u għoxrin u elfejn tlieta u għoxrin, fejn l-appell kien biex kull min hu nteressat li jibni t-talent mużikali japplika biex jissieħeb ma’ din l-iskola.
Fi żjara fl-iskola, ONE News seta’ jsegwi kif bosta studenti ta’ kull età kienu hemm bi ħġarhom biex jitgħallmu l-istrument favurit tagħhom.
Fosthom kien hemm student b’passjoni kbira għall-vjolin, li spjega ma’ dan l-istazzjon kif din l-iskola għallmitu ferm aktar minn kif sempliċiment idoqq il-vjolin.
“Jien f’din l-iskola nagħmel it-teorija, nagħmel solfeggio u nitgħallem il-vjolin.”
ONE News tkellem ukoll mal-Kap tal-Iskola, Maria Blanco, li stqarret kif bi tmenin għalliema speċjalizzati fuq l-istrumenti tagħhom, l-istudenti li jidħlu jistudjaw hawn għandhom għażla kbira ta’ strumenti u talenti mużikali minn fejn jistgħu jagħżlu.
Hija spjegat kif permezz tal-edukazzjoni minn din l-iskola, l-istudenti jistgħu anke jilħqu l-livell ekwivalenti ta’ diploma, u l-adulti jistgħu jagħżlu li jieħdu sehem f’kors leġġeru biex jitgħallmu l-istrumenti favuriti tagħhom.
Stqarret li l-importanza tal-mużika tmur lil hinn minn hekk, hekk kif din hija essenzjali sabiex iġġib il-kulur fil-ħajja ta’ kuljum.
“Il-mużika għalija u għal kull min jaħdem f’din l-iskola hija parti ntegrali minn ħajjitna u hija parti li aħna nemmnu li l-mużika mhux biss iġġib ħafna iktar kulur fil-ħajja, però wkoll tkun qed tgħin lill-istudenti jiżviluppaw l-akkademja tagħhom u anke l-abilitajiet konjittivi, u l-mod emozzjonali biex ikunu jistgħu jesprimu ruħhom aħjar.”