Infetħu l-applikazzjonijiet għal SkolaSajf, bit-tema ta’ ‘Peace by Piece’.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, Iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal li dan il-programm edukattiv jassigura li l-istudenti jkollhom l-opportunitajiet ta’ iktar għarfien u tagħlim, kif ukoll opportunitajiet edukattivi informali marbutin mat-tema permezz ta’ attivitajiet, ħarġiet, u logħob sportiv, fost oħrajn.
Il-Ministru qal li s-sena li għaddiet SkolaSajf kellha mat-12,000 student u din is-sena se tkompli toffri l-programmi edukattivi tagħha mill-ġdid lil eluf ta’ studenti.
Huwa qal, “Permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ aktar minn ħamsin partner differenti li permezz tagħhom jagħtu esperjenzi uniċi lit-tfal tagħna madwar Malta u Għawdex.”
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Servizzi Edukattivi, Michael Bondin, qal li SkolaSajf hija miftuħa fi 58 ċentru madwar il-pajjiż, b’5 ċentri għal tfal bi bżonnijiet speċjali
Is-servizz se jingħata mit-12 ta’ Lulju sal-11 ta’ Awissu u mill-21 ta’ Awissu sas-7 ta’ Settembru.
Filwaqt li l-ħinijiet normali ta’ SkolaSajf se jkunu bejn it-8:30 ta’ filgħodu u n-nofs siegħa, se jingħata servizz estiż għall-ġenituri li jaħdmu. Dan se jsir f’ċentri magħżula mis-7:00 sat-8:30 ta’ filgħodu u min-nofs siegħa sal-5:30 ta’ waranofsinhar.
Huwa qal, “Din id-darba SkolaSajf se tkun mifruxa fuq disa’ ġimgħat u mhux fuq tmienja, imma b’waqfa fil-ġimgħa ta’ Santa Marija, bidla mis-servizz li kellna s-sena l-oħra.”
L-applikazzjonijiet se jibdew jintlaqgħu online mit-22 ta’ Marzu sat-3 ta’ Mejju fuq is-sit https://services.fes.gov.mt, filwaqt li l-applikazzjonijet għar-reklutaġġ għadhom miftuħa fuq is-sit https://recruitment.fes.gov.mt/.