Jinfetħu l-applikazzjonijiet għal kumpens ta’ darba għal sahra minn Uffiċjali tal-Pulizija li sar bejn l-1 ta’ Settembru, 1993 u l-31 ta’ Diċembru, 2009.
Din l-iskema tfasslet mill-Ministeru għall-Finanzi u l-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u b’hekk qed titwettaq miżura elettorali oħra, wara li għall-amministrazzjoni preċedenti dawn ma kien ħaqqhom xejn.
L-Iskema tgħodd għal dawk il-persuni eliġibbli li ħadmu sahra matul il-perjodu effettiv. L-Iskema tgħodd ukoll għall-eredi ta’ persuni eliġibbli li huma mejta meta ssir l-applikazzjoni għall-għotja ta’ darba taħt din l-Iskema.
L-applikazzjonijiet taħt din l-iSkema jistgħu jinġabru mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u mill-Għases ewlenin ġewwa Malta u Għawdex jew jitniżżlu minn hawn.
Applikazzjonijiet, inkluż id-dokumenti li għandhom jiġu mehmuża mal-applikazzjoni, għandhom jiġu mgħoddija lid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, mit-Tnejn sal-Ġimgha bejn 8:30 u 15:30, sa mhux aktar tard mid-9 ta’ Ġunju, 2017.
Fil-każ ta’ applikazzjonijiet taħt din l-Iskema magħmula f’isem persuna eliġibbli llum mejta, l-applikazzjoni trid issir mill-eredi. Fejn hemm aktar minn eredi wieħed, għandha ssir applikazzjoni waħda konġunta mill-eredi.
Flimkien mal-applikazzjoni, għandha tiġi sottomessa wkoll dikjarazzjoni magħmula minn nutar pubbliku, f’liema dikjarazzjoni għandu jkun hemm dikjarat min hu jew min huma l-eredi tal-mejjet fuq il-kundizzjoni li l-mejjet kien eliġibbli li japplika għall-Iskema.