Festivals Malta, fi ħdan il-Ministeru mill-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, uffiċjalment ħabbret il-ftuħ tal-applikazzjonijiet tar-raba’ edizzjoni ta’ Mużika Mużika, li se ssir bejn l-14 u s-16 ta’ Marzu 2024.
Minbarra li tnieda l-proċess għall-edizzjoni li jmiss ta’ dan il-festival li sar parti ewlenija tal-kalendarju artistiku, ġew ippreżentati wkoll it-trofej lir-rebbieħa tal-edizzjoni ta’ din is-sena.
L-edizzjoni tal-2023 intrebħet mill-kantant Gianluca Bezzina bil-kanzunetta ‘Sabiħa’. Il-kanzunetta ‘Jekk Mhux Int’, interpretata minn Drakard u Lisa Gauci, ikklassifikat fit-tieni post, filwaqt li ‘Mhawnx Bħalek’, interpretata minn Jasmine Abela, ikklassifikat fit-tielet post.
Waqt il-konferenza ġew ippreżentati wkoll it-trofej kommemorattivi lil Ryan Paul Abela għall-Aħjar Arranġament tal-kanzunetta ‘Fuq Pultruna’, u lil Jasmine Abela għall-Aħjar Interpretazzjoni tal-kanzunetta ‘Mhawnx Bħalek’.
Is-Surmast Ryan Paul Abela qasam magħna l-ħsibijiet tiegħu fuq din l-industrija lokali li qed tingħata l-importanza li ħaqqha, mhux biss lill-kantanti, iżda ukoll il-mużiċisti.
“Il-mużika qegħda hemm bħala gost u hi importanti ħafna li jkollna pjattaforma fejn il-mużika live u nies bħal diretturi oħrajn, id-diretturi tiegħi jkollhom avvenimenti bħal dawn fejn jkunu jistgħu jidderieġu l-orkestri nazzjonali u jistgħu jagħtu l-interpretazzjoni tagħhom tal-mużika, tal-artisti li jafdawk bl-arranġamenti.”
Kompożituri, kantanti, mużiċisti, kollha huma mħeġġa li jieħdu sehem f’dan il-festival li jagħti prijorità lit-talent lokali, fosthom bis-sehem tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali.
“Id-differenza jagħmluha l-artisti stess, għax bħalma qegħdin naraw, edizzjoni wara l-oħra, il-prodott li huma jissottomettu qiegħed jintlaħaq tajjeb ħafna mill-poplu Malti u allura minn hawnhekk mill-ġdid inħeġġeġ biex ikunu parti mis-suċċess ta’ Mużika Mużika 2024”
Il-Ministru Owen Bonnici faħħar il-produzzjoni u saħaq li dan il-festival joffri opportunità biex timraħ il-lingwa Maltija. Minbarra hekk il-Ministru kompla jgħid li Mużika Mużika jgħaqqad lill-familji.
“Qegħdin niċċelebraw fattur li jgħaqqad lill-poplu Malti u Għawdxi flimkien, li hu l-lingwa Maltija, li hi fattur kruċjali biex tkompli ssaħħaħ l-identità tagħna bħala poplu”
Is-sottomissjonijiet jistgħu jsiru online sal-16:00 ta’ wara nofsinhar jew personalment bejn is-16 u s-17 ta’ Ottubru 2023 fl-Uffiċċju ta’ Festivals Malta, bejn id-09:00 ta’ filgħodu u l-16:00 ta’ wara nofsinhar.
Wieħed jista’ jżur is-sit www.muzikamuzika.mt għal iktar informazzjoni.