Fetħu l-applikazzjonijiet għat-tielet edizzjoni tal-festival ‘Mużika Mużika’, li se jsir bejn it-23 u l-25 ta’ Marzu tas-sena d-dieħla.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Iċ-Chairman ta’ ‘Mużika Mużika’, Raymond Bugeja, esprima x-xewqa tiegħu li, għall-edizzjoni li ġejja, ‘Mużika Mużika’ jkompli jagħti spazju lil ġeneri mużikali aktar diversi.
Qal, “Snin oħra kellna konkorrenza qawwija, qed nispera konkorrenza aħjar din is-sena u qed nispera wkoll f’aktar ġeneri ta’ mużika differenti. Tibżgħux jekk għandek mużika ta’ ġeneri differenti, kwalunkwe tip ta’ mużika, jekk għandek l-istandard, huwa tajjeb, se tikkompeti.”
Iċ-Chairman tal-Festivals Malta, Aaron Zahra, tkellem fuq l-importanza ta’ ‘Mużika Mużika’ kemm għall-Festivals Malta kif ukoll għal-lingwa Maltija.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li irridu nkomplu ninvestu f’dan il-festival li jservi wkoll bħala pjattaforma fejn l-artisti jesponu t-talenti tagħhom bil-lingwa Maltija.
Intant, tħabbar li l-premjijiet għar-rebbieħa ta’ ‘Mużika Mużika’ se jkunu ta’ €20,000 għall-ewwel post, €10,000 għat-tieni post, u €5,000 għat-tielet post.
Flimkien mat-tħabbir tal-edizzjoni li jmiss ta’ ‘Mużika Mużika’ wkoll il-vidjo mużikali tal-kanzunetta Bla Tarf, li rebħet l-edizzjoni ta’ Mużika Mużika fit-tieni edizzjoni tal-festival.
Is-sottomissjonijiet għal Mużika Mużika 2023 jistgħu jsiru kemm online, fuq is-sit www.muzikamuzika.mt, kif ukoll bl-idejn fl-uffiċini taL-Festivals Malta, Il-Furjana. L-applikazzjonijiet jgħalqu fil-15 ta’ Settembru.