Dalgħodu nfetħet għat-traffiku Triq il-Kunsill tal-Ewropa f’Ħal Luqa, flimkien mal-flyover li tieħu lejn l-ajruport min-naħa ta’ Ħal Luqa.
It-toroq infetħu wara li l-aġenzija Infrastructure Malta tat l-aħħar saff ta’ asfalt f’dawn it-toroq.
ONE News tkellem mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, il-Perit Raphael Abdilla, li spjega li, f’dawn l-aħħar ġranet, l-aġenzija kienet qed taħdem fir-roundabout ta’ ħdejn Triq Garibaldi, jiġifieri Triq il-Kunsill tal-Ewropa fid-direzzjoni lejn Ħal Luqa u lejn l-ajruport.
Intqal li t-triq temporanja li qabel kont trid taqbad biex tmur lejn l-ajruport, issa se tintuża biss għal dawk li se jmorru lejn il-Gudja.
Qal li dan ifisser li ż-żewġ flyovers fil-proġetti fid-daħla ta’ Ħal Luqa u dik ħdejn l-ajruport issa jinsabu miftuħa.
Il-perit Abdilla spjega l-pass li jmiss f’dan il-proġett: “Il-pass li jmiss hu li, għall-aħħar ta’ Ġunju, il-bidu ta’ Lulju, nerġgħu ngħaqqdu man-naħa ta’ Ħal Qormi, jiġifieri l-proġett tal-junction ta’ Ħal LuqA bħalissa ma tistax taqsam dritt lejn Ħal Qormi u s-sewwieqa qed ikollhom jużaw rotot alternattivi, fosthom Tas-Sejba, kif ukoll jibqgħu sejrin lejn il-Marsa biex imbagħad jaqbdu r-rotta lejn Ħal Qormi minn hemmhekk.”