Il-kumpanija Grease Guardian uffiċjlament fetħet faċilitajiet ġodda fil-Marsa. B’kollox din il-kumpanija se tkun qed timpjega 25 persuna, u tnax minnhom se jkunu stazzjonati f’workshops ġodda.
Din il-kumpanija se tkun qed taħdem flimkien mal-kumpanija Irlandiża, FM Environmental, sabiex tħares l-ambjent billi tara li l-ebda żejt tossiku ma jmur fl-ilma tas-sistema tad-drenaġġ.
Grease Guardian ilhom għal dawn l-aħħar 19-il sena f’Malta u għadhom kif iffirmaw ftehim tal-kiri għall-ħmistax-il sena oħra.
“Malta għandha atitudni pożittiva għax-xogħol li ma tantx tara bħalha madwar id-dinja. Aħna nesportaw lejn 40 pajjiż differenti, fosthom hemm il-ħwienet kollha ta’ Marks & Spencers fir-Renju Unit u l-ħwienet kollha tal-McDonalds fir-Russja,” spjega d-Direttur Maniġerjali għall-kumpanija FM Environmental, Kevin Fitzpatrick.
Qal ukoll li filwaqt li l-kumpanija mhix waħda kbira xorta waħda jipprovdu servizz lil numru kbir ta’ kumpaniji f’Malta.
Iż-żjut u xaħmijiet jinqabdu fis-sistema tad-drenaġġ fejn dawn jistgħu jsoddu l-pajpijiet u l-faċilitajiet tat-trattament tad-drenaġġ. Meta jiġri dan, jintużaw prodotti biex li jħollu ż-żjut u x-xaħmijiet biex jiġi evitat l-imblukkar.