Mill-ġimgħa d-dieħla se jerġgħu jinfetħu ċ-ċentri kollha ta’ servizz.gov, biex b’hekk se jkun hawn 22 ċentru miftuħ f’Malta.
Iċ-ċentri li se jerġgħu jinfetħu huma dawk ta’ Raħal Ġdid Ħaż-Żebbuġ, il-Belt Valletta, l-Imsida, ir-Rabat, Birkirkara, Tas-Sliema, Ħal Luqa, San Ġwann u Ħal Lija. Dawn se jingħaqdu mat-12-il ċentru li nfetħu ġimgħatejn ilu. B’hekk ċ-ċentri ta’ servizz.gov se jittripplaw hekk kif l-Uffiċċji Distrettwali tas-Sigurtà Soċjali ġew taħt it-tmexxija ta’ din l-aġenzija.
Iċ-ċentru ta’ Raħal Ġdid se jiftaħ kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-08:00 sas-14:00, is-Sibt mit-08:00 sas-13:00 u l-Erbgħa filgħaxija mill-16:30 sas-19:00. Dan filwaqt li ċ-ċentru ta’ servizz.gov fil-binja tal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid se jinżamm miftuħ.
Ħaż Żebbuġ, il-Belt Valletta, l-Imsida, ir-Rabat u Birkirkara se jiftħu t-Tnejn, l-Erbgħa, il-Ħamis u s-Sibt mit-08:00 sas-13:00 u l-Erbgħa mill-16:30 sas-19:00.
Tas-Sliema, Ħal Luqa, San Ġwann u Ħal Lija se jiftħu nhar ta’ Tlieta u Ġimgħa mit-08:00 sa nofsinhar u l-Erbgħa filgħaxija mill-16:30 sas-19:00.
Intant, servizz.gov jibqa’ joffri assistenza dwar servizzi governattivi permezz tal’ diversi mezzi, fosthom Freephone 153, il-one-stop-shop online www.servizz.gov.mt, l-indirizz elettroniku servizz@gov.mt u maltapps, li hija l-mobile app ewlenija li tospita servizzi mill-mobile.