L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fetħet uffiċċju reġjonali f’Varsavja, il-Polonja sabiex isservi bħala ċentru għad-domanda qawwija tas-suq Pollakk kif ukoll bħala punt ta’ riferiment għall-Ewropa tal-Lvant u r-reġjun Baltiku.
L-uffiċju reġjonali ser ikun qiegħed jitmexxa mid-Direttur għall-Polonja, l-Ewropa tal-Lvant u r-reġjun Baltiku s-sur John Mary Attard.
Tul is-snin, is-suq Pollakk stabbilixxa ruħu bħala suq importanti għat-turiżmu lejn il-Gżejjer Maltin, b’żieda kostanti ta’ turisti rreġistrata kull sena. Fil-fatt, qiegħed jiġi mbassar li sal-aħħar ta’ din is-sena, l-ammont ta’ turisti li ser jkunu għażlu li jżuru pajjiżna ser ikun qrib il-135,000 turist. Dan ifisser żieda ta’ kważi 30% fuq in-numru ta’ turisti Pollakki li kienu żaru Malta fl-2019.
Din l-informazzjoni tħabbret waqt il-ftuħ uffiċjali tal-istess uffiċju mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef u ċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia.
Il-Ministru Clayton Bartolo saħaq li l-ftuħ ta’ dan l-uffiċju huwa impenn ċar ta’ kemm Malta tinsab kommessa li tinvesti fis-settur turistiku. “It-turiżmu jibqa’ mutur ewlieni tal-ekonomija Maltija. Il-ftuħ ta’ dan l-uffiċju jkompli jikkonferma kemm il-Gvern huwa determinat jara li s-settur turistiku mhux biss jirkupra imma jissaħħaħ u jkun sostenibbli għaż-żmien li ġej,” qal il-Ministru Bartolo.
Iċ-Chairman Gavin Gulia qal li wara t-tkabbir konsistenti fl-ammont ta’ turisti mill-Polonja u anke mill-Lvant ta’ l-Ewropa u mir-reġjun Baltiku, ittieħdet id-deċiżjoni sabiex jinfetaħ is-seba’ uffiċju reġjonali tal-MTA propju fil-qalba tal-belt kapitali Pollakka. “Dan l-uffiċju ser iservi bħala hub ċentrali għal dan ir-reġjun kollhu, fejn ser nkomplu naħdmu sabiex nsaħħu l-viżibilità ta’ VisitMalta filwaqt li naħdmu wkoll fuq elementi oħra ta’ tisħiħ fosthom konnettività u partnerships ma’ bosta operaturi tal-ivvjaġġar lokali,” temm jgħid Gavin Gulia.
Prezenti wkoll għall-ftuħ kien hemm l-Ambaxxatriċi ta’ Malta għall-Polonja, Marisa Farrugia. L-ambaxxata Maltija kienet strumentali fil-ħidma biex seta’ jinfetaħ dan l-uffiċċju l-ġdid f’Varsavja.