Għas-seba’ darba nfetaħ uffiċjalment il-‘European Eight Ball Pool Championship’ ġewwa d-Dolmen Hotel, organizzat mill-Malta Pool Association.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima qal li jinsab kuntent li assoċjazzjoni żgħira kapaċi torganizza dan il-kampjonat kbir b’mod professjonali, u li hi l-intenzjoni tal-Gvern li jkompli jgħin lil assoċjazzjonijiet bħal dawn, li jgħinu biex jiżdied it-turiżmu lejn il-gżejjer Maltin permezz tal-parteċipazzjoni ta’ tant barranin fl-avvenimenti tagħhom.
F’dan il-kampjonat Ewropew, li se jsir f’Malta bejn il-Ħadd 18 u l-Ġimgħa 23 ta’ Frar, se jieħdu sehem xejn inqas minn 500 player minn tnax-il pajjiż differenti, fosthom il-Belġju, Ċipru, Franza, l-Ingilterra, ir-Repubblika tal-Irlanda, l-Irlanda ta’ Fuq, il-Portugall, l-Iskozja, Wales, iċ-Channel Islands u l-Marokk bħala mistieden speċjali, flimkien ma’ Malta.
Pajjiżna se jkun irrappreżentat minn 42 player li se jieħdu sehem fi tmien kategoriji differenti. Dawn jinkludu tliet kategoriji ta’ rġiel seniors, team ta’ taħt it-18 -il sena, żewġ teams ta’ taħt it-23 sena, u żewġ teams tal-over 50s.
F’dawn il-kampjonati, Malta rebħet il-kategorija tal-irġiel tliet darbiet fis-snin 2002, 2008 u 2013, apparti suċċessi oħra f’kategoriji oħra. Il-player Anton Cuschieri huwa r-rebbieħ renjanti ta’ dan il-kampjonat fis-sezzjoni individwali hekk kif kien rebaħ dan l-unur is-sena l-oħra ġewwa l-Ingilterra.