Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi flimkien mal-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, inawguraw uffiċċju ġdid tal-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet fir-Rabat Għawdex.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi saħaq li l-Gvern impenjat li jkompli jsaħħaħ lill-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet biex iċ-ċittadin ikun moqdi aħjar. Kompla li bl-investiment li qed isir fit-teknoloġija diġitali, il-ħidma tal-Aġenzija qed isir aktar effiċjenti u n-nies qed jinqdew aħjar. Semma kif il-Gvern huwa kommess li jinvesti f’teknoloġija ġdida għall-Aġenzija bil-għan li tiżdied l-effiċjenza, it-trasparenza u l-governanza fil-proċessi li jsiru fejn jidħlu riċerki u reġistrazzjonijiet fuq propjetajiet f’Malta u Għawdex. Filfatt, l-Aġenzija għaddejja bi proċess biex l-arkivju tar-Reġistru tal-Artijiet jiġi trasformat f’Arkivju Diġitali li se jkompli jiffaċilita ix-xogħol kollu tal-Aġenzija.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi semma wkoll li fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena l-Aġenzija rċeviet madwar 10,400 applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ propjetajiet u ipoteki relatati. Aktar minn kwart minnhom (28%), kienu applikazzjonijiet ġejjin minn Għawdex. Kompla li f’Għawdex biss intalbu aktar minn 1,300 riċerka fuq propjetajiet irreġistrati f’Għawdex filwaqt li saru 150 applikazzjoni biex jiġu rreġistrati amministraturi ta’ kondominju fil-gżira Għawdxija. Dawn huma 17% tal-kondominji kollha li ġew irreġistrati f’Malta u Għawdex fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clint Camilleri qal li l-ispazju li qed jiġi inawgurat hu investiment dirett kemm fil-ħaddiema ta’ din l-Aġenzija, fejn ser ikollhom ambjent aktar dinjituż, kif ukoll fiċ-ċittadini li issa ser jinqdew aħjar. Qal li apparti dan l-investiment, matul din is-sena komplew jiġu mmodernizzati numru ta’ uffiċini ta’ entitajiet governattivi, inkluż iċ-Ċentru Amministrattiv tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, fejn bħalissa għaddej xogħol ta’ modernizzar, sabiex il-ħaddiema ikollhom ambjent adegwat minn fejn jaħdmu u jaqdu l-klijenti.
Preżenti għall-inawgurazzjoni tal-uffiċċju l-ġdid tal-Aġenzija kien hemm il-Kap Eżekuttiv, il-Perit Michelle Piccinino, uffiċjali u ħaddiema tal-Aġenzija f’Għawdex.