Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien mas-Sindku ta’ Bormla Marco Agius u l-kunsilliera inawguraw il-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Grawnd Peppi Del Ceppo fil-qalba tal-lokalità ta’ Bormla.
Dan l-ispazju rikreattiv sar b’investiment ta’ madwar €365,000 permezz ta’ skema finanzjajra għal Proġetti Kapitali mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u minn fondi addizzjonali tal-Kunsill Lokali. Palumbo Malta Shipyard kienu wkoll kontributuri favur dan il-proġett, bħala parti mill-impenn tagħhom sabiex jagħtu lura lil-lokalità ta’ Bormla.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li dan l-investiment ser jgħin fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti tal-Kottonera għaliex huwa spazju miftuħ li ser joffri lok għall-eżerċizzju fiżiku, lis-sport u kif ukoll spazju għar-rikreazzjoni. Hija spjegat li dan il-proġett ser ikompli jikkumplimenta proġetti oħra ta’ riġenerazzjoni mwettqa mill-Gvern f’din iż-żona, fosthom il-pixxina fil-Kottonera Sports Complex, ir-restawr fuq is-swar tal-Kottonera u l-ħolqien tal-Park ta’ San Klement.
“Huwa ta’ sodisfazzjon li nara li l-isforzi tal-Gvern favur aktar spazji miftuħa u rikreattivi fil-lokalitajiet tagħna għadhom qed ikomplu jilħqu wkoll lil din iż-żona, fejn fi snin preċedenti kienet tħalliet taqa’ fi stat ta’ abbandun,” saħħqet is-segretarju parlamentari.
Il-Grawnd Peppi Del Ceppo huwa spazju rikreattiv li jikkonsisti minn grawnd tal-futbol 5 a-side u bandli għal tfal ta’ etajiet differenti. Il-proġett kien jinkludi xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni u tisbiħ madwar l-ispazju kollu, inkluż pavimentar ġdid u tħawwil ta’ siġar u pjanti. Ġie installat tagħmir ġdid tal-bandli u rubber-flooring għal aktar sigurtà, u twaħħlet sistema ta’ dawl ġdida. Il-grawnd tal-futbol ġie miksi b’turf ġdid.
“Grawnd Peppi Del Ceppo huwa wieħed minn sensiela ta’ proġetti kapitali madwar Malta u Għawdex li setgħu jiġu mwettqa permezz tal-għajnuna finanzjarja mill-Gvern permezz ta’ skemi li jinħarġu minn żmien għal żmien għall-kunsilli lokali u reġjonali,” temmet id-diskors tagħha s-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ Bormla Marco Agius irringrazzja lid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali għall-finanzjament sabiex seta’ jsir xogħol ta’ riġenerazzjoni f’dan l-ispazju miftuħ. Huwa appella lir-residenti Bormliżi sabiex jagħmlu użu tajjeb minn dan l-ispazju u jieħdu ħsiebu sabiex jibqa’ jitgawda mill-komunità Bormliża.