Wara nuqqas ta’ madwar sentejn minħabba l-pandemija, iċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva ta’ Raħal Ġdid reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu għall-anzjani tal-komunità.
Dan tħabbar waqt żjara f’dan iċ-ċentru mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela.
Il-Ministru Abela spjega li, bis-saħħa tal-kollaborazzjoni u l-ħidma tal-Kunsill Lokali u tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, dan iċ-ċentru qiegħed joffri programm varjat biex l-anzjani jitħeġġu biex jibqgħu jitgħallmu u jkollhom sehem attiv fis-soċjetà.
L-għan taċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva jibqa’ li joffru spazju lill-anzjani fejn jiltaqgħu u jissoċjalizzaw, anke permezz tas-sessjonijiet varji li jsiru fihom. Dan iċ-ċentru f’Raħal Ġdid joffri sessjonijiet immexxija minn għalliema skont ix-xewqat tal-parteċipanti filwaqt li l-Kunsill Lokali jmexxi dan is-servizz b’ħafna għajnuna minn voluntiera li wħud minnhom huma anzjani wkoll.
Dan iċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva jiftaħ nhar ta’ Tnejn, nhar ta’ Erbgħa, u nhar ta’ Ħamis. Fost l-attivitajiet li jitħejjew għall-anzjani hemm dawk ta’ eżerċizzju u taħditiet dwar suġġetti li jolqtu lill-anzjani. Dawn jinkludu kultura, servizzi, saħħa u ħafna iktar, kif ukoll jiġu ppreparati ħarġiet għall-anzjani, fosthom ħruġ kulturali.
Għal iktar informazzjoni, kemm dwar l-attivitajiet kif ukoll dwar sħubija fiċ-ċentru, wieħed jista’ jagħmel kuntatt maċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq 22788900, jew iżur l-uffiċċju f’3, Triq Zekka, il-Belt, jew jaċċessa s-sit aacc.gov.mt.