Iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta, b’kollaborazzjoni man-Network of International Culturalink Entities (NICE) u St Ignatius College Ħandaq Middle School, ħabbru t-tnedija tal-ewwel Klabb tal-Mużika Ċiniża f’Malta.
Din l-inizjattiva se tintroduċi lill-istudenti għall-pipa tradizzjonali Ċiniża, strument mużikali b’aktar minn 2,000 sena ta’ storja, u se tippromwovi l-iskambju kulturali permezz tal-lingwa universali tal-mużika.
Id-Direttur taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta Yuan Yuan qalet li dan il-proġett jirrifletti l-ħbiberija dejjiema bejn iċ-Ċina u Malta.
Intqal li aktar minn 20 student diġà rreġistraw għal dan il-programm u wrew l-entużjażmu tagħhom biex jesploraw il-mużika u l-kultura Ċiniża. Dawn l-istudenti mhux biss se jirċievu taħriġ minn esperta, iżda se jkollhom ukoll l-opportunità li juru l-ħiliet tagħhom fil-Ħandaq Summer Night f’Ġunju li ġej.
Dan il-program se jkun immexxi minn Mei Guo, artista tal-pipa rinomata għall-arti eċċezzjonali tagħha u għall-kontribut tagħha għall-iskambji kulturali internazzjonali. L-esperjenza tagħha se tipprovdi lill-istudenti b’taħriġ awtentiku, u se tippermittilhom jitgħallmu dan l-istrument kumpless, filwaqt li japprofondixxu l-apprezzament tagħhom għall-wirt mużikali Ċiniż.
