Frott ta’ ħidma interministerjali pajjiżna issa għandu l-ewwel Green Open Campus f’Milbrae Grove li jinsab biex ma bieb mal-Campus tal-Kulleġġ Malti għall-Arti x-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST fil-Mosta.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul ta d-dettalji ta’ dan il-Campus.
Il-Kap Eżekuttiv qal “Fil-fatt sebat’elef u erba’ mitt metru kwadru, mitejn siġra ġdida, numru ta’ bankijiet illi kienu propju l-istudenti stess illi pittruhom biex għamluhom tagħhom. Se jkollna proġetti oħrajn bħal dan, irridu naraw aktar spazji miftuħa bħal dawn ukoll.”
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli nnotat kif dan il-proġett ġie mgħammar b’diversi faċilitajiet biex jakkomoda l-bżonnijiet tal-istudenti li jżuruh.

Il-Ministru Dalli qalet “Dan huwa l-ispazju ideali ta’ aktar minn sebat’elef metru kwadru fejn l-istudenti jistgħu jiġu jagħmlu l-istudji tagħhom, jagħmlu x-xogħol li għandhom bżonn. Rajna wkoll li noffrulhom it-tekonoloġija adattata bħal ma huma l-wifi li huwa aċċessibbli għal kulħadd u anki ‘charging points’ li jistgħu jużaw l-istudenti.”

Minn naħa tiegħu, l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni sostna kif dan huwa eżempju ċar tal-viżjoni li għandu l-Gvern b’rabta mal-qasam edukattiv li jgawdi ukoll mill-ambjent ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Grima qal “U allura qegħdin naħdmu id f’id ma’ diversi entitajiet, diversi dipartimenti biex f’dan il-każ partikolari l-istudenti li jattendu l-MCAST se jkollhom spazju li huwa miftuħ, spazju li jirrifletti dik li hija r-realtà u l-viżjoni tagħna għas-settur edukattiv.”
