Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo nieda l-Karnival t’Għawdex 2017. Bħal kull sena, il-Karnival f’Għawdex hu meqjus bħala avveniment kulturali importanti li jiġbed eluf ta’ Maltin u Għawdxin. Statiska uffiċjali turi li fi tmiem il-ġimgħa tal-Karnival tal-2016 qasmu lejn Għawdex xejn inqas minn 43,000 passiġġier.
Il-Ministru Refalo qal li l-Karnival 2016 kien Karnival li attira numru kbir ta’ Maltin u barranin lejn Għawdex. Dan is-suċċess ma jiġix mix-xejn, iżda bi pjan. Huwa fisser kif din is-sena saret ħidma importanti li biha, għal darb’oħra, il-Karnival f’Għawdex se joffri destinazzjoni unika billi jkompli jsaħħaħ l-identità unika tiegħu.
Din is-sena l-programm tal-Karnival jinkludi l-parteċipazzjoni tal-parti l-kbira tal-irħula Għawdxin.
Fost l-attrazzjonijiet ewlenin hemm il-Karnival organizzat u spontanju tan-Nadur, kif ukoll il-Karnival tradizzjonali organizzat f’irħula madwar Għawdex. Il-Karnival Reġjonali fir-Rabat, li jibda l-Ġimgħa bil-parata tal Karnival, ikompli s-Sibt filgħodu u filgħaxija, u jilħaq il-qofol tiegħu l-Ħadd waranofsinhar fejn isir spettaklu fi Triq ir-Repubblika. Il-Karnival jissokta t-Tnejn 27 ta’ Frar u t-Tlieta 28 ta’ Frar.
Din is-sena se jiġu organizzati wkoll żewġ wirjiet t’arti viżiva, b’waħda minnhom tkun dik ta’ statwetti folkloristiċi tal-Karnival li qed tittella’ fit-Teatru fiċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċittadella. Din il-wirja tagħti l-opportunità li wieħed igawdi r-restawr li sar fil-belt il-qadima tar-Rabat—iċ-Ċittadella. Esebizzjoni oħra ta’ posters uniċi u oriġinali qed issir fi spazju ieħor li l-Ministeru għal Għawdex fetaħ is-sajf li għadda fix-Xewkija.
Il-Ministru Refalo radd ħajr lid-dilettanti tal-Karnival li jaħdmu bla heda u b’mod volontarju tul is-sena kollha, kif ukoll lill-kumitati kollha involuti, kemm dawk ta’ Għawdex kif ukoll ta’ Malta, li għenu biex il-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex ikompli jikber.