Infetaħ il-ħames ċentru għall-ittestjar tal-COVID-19 f’pajjiżna, li qed jopera mill-isptar privat ta’ St. Thomas f’Ħal Qormi.
Dan iċ-ċentru se jingħaqad ma’ dawk eżistenti f’Ħal Luqa, f’Pembroke, fl-Isptar Mater Dei, u fix-Xewkija Għawdex, biex tintlaħaq id-domanda għat-testijiet.
Iċ-ċentru f’Ħal Qormi għen biex fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa ġie rreġistrat numru rekord ta’ testijiet, b’total ta’ elfejn erba’ mija u ħamsa u tmenin test.
Kristen Buhagiar mill-isptar St. Thomas spjegat li s-settur privat ingħaqad mas-settur pubbliku biex jiġi offrut l-aħjar servizz għall-poplu Malti.
“Il-persuna meta tiġi hawnhekk fid-drive through service tagħna, neħdulha d-dettalji mill-istaff tagħna, importanti li dak li jkun iġib l-ID Card miegħu, jittieħed l-iswab minn wieħed min-nurses tagħna, fi tmiem il-proċess, il-persuna toħroġ min-naħa l-oħra tad-drive through, tmur id-dar u tistenna r-riżultat id-dar.”
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fakkar li bl-istrateġija ta’ żieda fit-testijiet, il-każijiet pożittivi jinqabdu kemm jista’ jkun kmieni u jiġu iżolati.
“Illum ħa nkunu lħaqna l-mija u ħamsin elf test fuq il-popolazzjoni Maltija mindu bdiet il-pandemija. Dan ifisser li ras imb ras, għamilna kważi terz tal-popolazzjoni testijiet fuqu. Dan jawgura tajjeb għax ifisser li aħna kapaċi nsibu l-każijiet kmieni, inżommuhom iżolati u nipproteġu l-kumplament tas-soċjetà.”