Din il-ġimgħa se jibda jopera ċentru tas-saħħa ġdid f’Ħal Far.
Dan iċ-ċentru li jista’ jilqa’ sa mija u ħamsin persuna fih jinsab viċin iċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far, li bħalissa r-residenti tiegħu huma ordnati li josservaw perjodu ta’ kwarantina.
Ix-xogħol fuq ir-rinovar f’din il-binja beda qabel ġie kkonfermat l-ewwel każ ta’ infezzjoni mill-Coronavirus ġewwa ċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far.
Fiċ-ċirkostanzi preżenti, il-Gvern iddeċieda li din il-binja tintuża sabiex toffri kura adegwata lir-residenti taċ-ċentru u tilqa’ f’parti oħra tagħha residenti oħra li jkunu mistennija joqogħdu f’iżolament.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri tkellem dwar kif dan iċ-ċentru ser jinfetaħ frott ta’ ħidma mill-Ministeru tal-Intern flimkien mas-soċjetà tas-salib l-aħmar.
Il-Ministru stqarr, “Il-Ministeru tal-Intern daħal fi sħab mas-soċjeta tas-salib l-aħmar sabiex nofru din il-faċilità ġewwa Ħal Far għall-kura medika lil dawk il-persuni li jerresjedu fiċ-ċentri tal-imigranti ġewwa pajjiżna sabiex tingħatalhom kura dinjituża għaliex sfortunatament qegħdin ibatu minn dan il-virus tal-Covid-19. Bħala Ministeru tal-Intern se nibqgħu kommessi li noffru kura medika u dinjituża filwaqt li nnaqsu il-pressjoni minn fuq is-sistema tas-saħħa ġewwa pajjiżna.”
L-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jfittxu Ażil (AWAS) ser tkun qed tmexxi dan iċ-ċentru mediku b’kollaborazzjoni ma’ membri, tobba u infermiera mis-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar u l-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Din hija t-tieni inizjattiva mas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar ssegwi oħra tax-xorta tagħha fejn fil-bidu ta’ Marzu ġew trasferiti 50 resident ieħor għal ċentru ieħor ġewwa Ħal Far stess.
Għaldaqstant dawn iż-żewġ inizjattivi flimkien ser ifissru li l-ammont ta’ persuni li jgħixu flimkien fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far se tonqos b’20%.
Id-Direttur tal-Operazzjonijiet tal-Malta Red Cross saħaq, “Qed naraw frott relazzjoni tajba ħafna mal-Ministeru tal-Intern li mhux talli irreactjajna talli preparajna minn qabel biex nkunu nistgħu nofru strutturi bħal dawn għax din mhux l-unika waħda biex nkunu pass qabel l-eventwalità u huwa importanti ħafna li nkunu pass qabel.“