Tyson Bugeja, ta’ 28 sena, mill-Birgu, li jbigħ iż-żebgħa, inżamm arrestat, mixli fost l-oħrajn, li kiser imnieħer l-eks sieħba tiegħu, billi taha diversi daqqiet ta’ ponn.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Victor Axiak, huwa ġie mixli li weġġa’ gravi lill-mara, f’residenza f’Bormla, nhar is-16 ta’ Diċembru. Huwa ġie mixli wkoll li attakka, insulta u hedded lill-mara, filwaqt li ħolqilha biżà.
Huwa ġie mixli li kiser il-kundizzjonijiet tal-bail, u li kien riċediv. Huwa kien mixli fil-passat, li kkawża ħsara fuq il-karozza tal-eks sieħba tiegħu u li wettaq serqa armata.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-vittma, qalet lill-Pulizija, li Bugeja ħabbat fuq il-bieb tagħha u staqsiha jekk għandhiex xi sieħeb ieħor, fejn hija wieġbet fin-negattiv. Huwa qal li huwa xorta waħda se jsir jaf u taha daqqa ta’ ponn f’wiċċha, tant li kisrilha mneħirha u ċemplilha ambulanza.
Huwa ġie arrestat, iżda kellu jittieħed l-Isptar hekk kif qal li kellu uġigħ f’sidru.
Minkejja li d-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, it-talba sabet l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni.
Fil-Qorti, l-imputat infaqa’ jibki, u waqa’ mal-art, hekk kif qal li ma jridx imur il-ħabs, għaliex m’għamel xejn ħażin, u xeba’ jmur il-ħabs għalxejn. Huwa qal ukoll li kellu uġigħ f’sidru.
Fil-Qorti ntqal li huma għandhom tifla flimkien, filwaqt li l-vittma kella ordni ta’ protezzjoni.
Id-difiża, qalet li wara li l-mara, xehdet fil-Qorti, hija kienet marret id-dar tal-imputat. Qal ukoll li l-mara, kienet tefgħet lir-raġel ‘il barra mid-dar bl-iskuża ta’ binthom.
Kien għalhekk li l-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.