B’rabta mal-inkonvenjent fl-ibħra fil-kosta tal-lvant ta’ Malta, dalgħodu tlaqqa’ kumitat innominat mill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima José Herrera.
Dan il-kumitat se jkompli jiltaqa’ fis-sigħat li ġejjin biex jirrakomanda lill-Ministru l-passi li għandhom jittieħdu biex ikun hemm:
Infurzar b’saħħtu għal min qed jabbuża;
Regolamenti aktar b’saħħithom li għandhom jiġu introdotti biex jipproteġu l-ambjent.
Dan il-kumitat huwa kompost mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, u d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura.
Fost oħrajn qed ikun diskuss studju li d-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura kkumissjona fl-aħħar ġranet u li r-riżultati tiegħu ma jeskludux li s-sors tal-inkonvenjent fil-kosta tal-lvant ta’ Malta jista’ jkun l-operat tal-fishfarms. Fiż-żona tal-lvant ta’ Malta bħalissa hemm ħames operaturi tal-fish farms.
Ta’ min isemmi li bħalissa żewġ operaturi għandhom ordni ta’ infurzar maħruġa kontrihom mill-Awtorità tal-Ippjanar li jinsabu fi stadju t’appell quddiem it-Tribunal għar-Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar. Iċ-ChairmanmEżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar informa lill-Ministru Herrera li huwa ser ikun qed jitlob dan it-Tribunal biex jitratta dawn il-każijiet b’urġenza.
Il-Ministru José Herrera tenna l-messaġġ tiegħu li din l-industrija għandha kontribut ekonomiku importanti ħafna imma ma tistax tkun ta’ detriment ambjentali, u għalhekk ser ikun qed juża l-poteri kollha li tagħtih il-liġi biex dak li huwa irregolari jiġi rregolarizzat.