Il-Papa Franġisku indirizza aktar minn sitt mitt elf żagħżugħ u żagħżugħa li nġabru fi Krakovja għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.
Huwa ħeġġiġhom biex juru kompassjoni mal-immigranti u jilqgħuhom f’pajjiżhom. Minkejja li l-Polonja – il-post fejn tkellem il-Papa – għandha għeruq kbar Kristjani, il-Gvern ma jaqbilx mal-kwota mandatorja tal-Unjoni Ewropea ta’ kemm għandu jaċċetta immigranti.
Intant, illum il-Papa Franġisku se jżur u jitlob f’dak li kien il-kamp tal-konċentrament fi żmien in-Nażisti, Auschwitz-Birkeneu. Il-kamp fejn aktar minn miljun persuna tilfu ħajjithom matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Hawnhekk mistenni jiltaqa’ wkoll m’uħud li kienu fl-istess kamp u salvaw.
Iż-żjara tal-Papa Franġisku fil-Polonja timmarka l-1,050 sena minn meta l-istess pajjiż beda jħaddan il-Kristjaneżmu.