Fil-Knisja ta’ San Lawrenz fil-Birgu saret quddiesa qabel id-difna tal-Gran Prijur ta’ Ruma tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, il-Kavallier Malti Fra’ John Edward Critien.
Huwa miet fl-età ta’ 73 sena nhar is-Sibt tlieta ta’ Diċembru, u tul ħajtu, ta servizz lill-Ordni ta’ San Ġwann għal 45 sena.
Il-funeral tiegħu sar fis-sitta ta’ Diċembru f’Ruma fejn fost l-oħrajn, kien hemm persuni li ħadmu qribu f’Malta, fosthom il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ordni Militari Sovrana ta’ Malta, il-Markeżin Daniel de Petri Testaferrata.
Is-Sibt filgħodu, Fra’ John iddaħħal il-Birgu fejn it-tebut tiegħu inġarr lejn il-Knisja ta’ San Lawrenz, bil-Quddies ġiet imqaddsa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.
Fl-Omelija tiegħu l-Arċisqof iddeskriva lil Fra John bħala bniedem inkwiżittiv u b’sensittività straordinarja lejn is-sbuħija. Qal ukoll li bil-ħidma tiegħu tul ħajtu, Fra John għallem li s-sbuħija hija t-triq li twassal lill-bniedem lejn Alla.
L-Arċisqof Scicluna temm jgħid kif b’mod simili għal San Ġwann il-Battista, il-patrun tal-ordni li kien jaqdi Fra John, huwa kellu kwalitajiet tajbin li kien iħaddan ukoll dan il-qaddis.
Qal, “Imma fil-ħarsa t’għajnejh kien hemm il-ħarsa tal-imħabba li waqt li hija ġentili, m’hijiex belha, imma hija minsuġa mill-kelma tal-Imgħallem, li lil Ġwanni l-Battista jammirah għaliex mhux qasba tixxejjer mar-riħ, mhux bniedem li jfittex il-fruha tad-dinja, imma ġie biex jixhed għall-verità, ma kienx hu d-dawl, imma ġie jixhed id-dawl.”
Wara l-Quddiesa, Fra John indifen fil-qabar tal-familja fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata f’Raħal Ġdid.