Raġel indarab gravi wara li sploda ċilindru tal-gass f’residenza f’Raħal Ġdid.
Il-każ seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tad-21:00, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Nazzarenu, Raħal Ġdid.
Il-Pulizija tad-Distrett marru fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari illi sar irriżulta li ġewwa residenza kienet seħħet splużjoni minħabba ċilindru tal-gas u raġel ta’ 48 sena residenti Raħal Ġdid kien weġġa’.
Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll Ambulanza. Il-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei u aktar tard ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.