Ġuvni ta’ ħamsa u għoxrin sena minn Ħal Luqa ndarab gravi wara li waqgħet Xarabank fuqu meta kien qed jagħmel xi xogħlijiet. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-sebgħa neqsin għaxra tal-Ġimgħa filgħaxija f’Wesgħet il-Vittmi tal-Gwerra, Ħal Luqa.
Jidher li għal xi raġuni, ix-xarabank ċediet u għaffġet lill-ġuvni. Huwa ttieħed b’urġenza l-isptar Mater Dei fejn aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.