Raġel ta’ 43 sena li joqgħod Birkirkara sofra ġrieħi gravi wara li ż-żiemel li kien qed isuq, għal xi raġuni, sfratta u ħarab, bil-konsegwenza li r-raġel waqa’ minn fuq is-serkin.
Dan ġara llum, għall-ħabta tan-nofsiegħa (12.30hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Dun Karm, f’Birkirkara.
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post kif ukoll issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.