Raġel ta’ 38 sena mill-Mosta, ġarrab ġrieħi gravi wara li ħabat bil-karozza li kien qed isuq ma’ karozza tal-għamla Citroen C3, li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 62 sena, li joqgħod iż-Żejtun.
Kawża ta’ din il-ħabta, il-karozza tal-għamla Chevrolet Aveo, li kienet qed tinstaq mir-raġel ta’ 38 sena, baqgħet dieħla ġo vettura tal-għamla DAF li kienet ipparkjata.
L-inċident seħħ għall-ħabta 6:45 tal-bieraħ filgħaxija, fi Triq Toni Zahra, iż-Żejtun.
Ix-xufier ta’ 62 sena kellu miegħu passiġġier ta’ 30 sena.
Fuq il-post intalbet l-assistenza tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili u ta’ tim mediku, li aktar tard ħa lir-raġel ta’ 38 sena l-isptar Mater Dei għal aktar kura.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.