Raġel ta’ 64 sena qed isofri minn ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fil-Mosta.
L-inċident seħħ għall-ħabta tad-9.30am fi Triq il-Kungress Ewkaristiku.
Stħarriġ preliminari tal-Pulizija fuq il-post irriżulta li kien seħħ impatt bejn vettura tat-tip Opel Astra misjuqa minn raġel ta’ 20 sena residenti s-Swieqi u BMW 730D misjuqa mir-raġel ta’ 64 sena residenti Ħ’Attard. Fil-BMW kien hemm ukoll mara ta’ 63 sena residenti Ħ’Attard.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadet lir-raġel ta’ 64 sena l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard, huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.