Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li s-suppost bidla fix-Shadow Cabinet tal-Partit Nazzjonalista ma bidlet xejn mill-inkompetenza ekonomika tal-istess partit fl-Oppożizzjoni. Stqarrijiet ibbażati fuq interpretazzjoni ħażina ħarġu kemm il-ġimgħa li għaddiet u anke t-Tlieta.
Skont il-kelliema Nazzjonalisti, rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta qal li l-Prim Ministru qed jibqa’ ċass quddiem l-inflazzjoni li qed tolqot lil dawk bi dħul baxx u lill-pensjonanti.
Iżda l-Partit Laburista nnota li r-rapport tal-Bank Ċentrali jgħid eżatt bil-kontra ta’ dak li qed isostnu tliet kelliema tal-Oppożizzjoni, Ivan Castillo, Graham Bencini u Ivan Bartolo tal-Mosta.
Intqal li kieku ma kienx għad-deċiżjonijiet tal-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela kieku l-pensjonanti u dawk fuq dħul baxx kienu jmorru minn taħt.
Minflok, grazzi għaż-żidiet, bla preċedent, fil-pensjonijiet, fil-Paga Minima, fiċ-Children’s Allowance u speċjalment bid-dħul tal-mekkaniżmu addizzjonali, il-purchasing power tal-pensjonanti u dawk bi dħul baxx, baqa’ mhux mittiefes.
Fl-inkompetenza tagħhom, il-kelliema tal-Oppożizzjoni sejħu lill-Gvern biex iwettaq Household Budgetary Survey b’mod urġenti. Il-Partit Laburista tenna li kieku ndenjaw ruħhom jiftħu l-Financial Estimates ippreżentati fil-baġit kienu jindunaw li hemm €700,000 ivvotat għal dan il-għan din is-sena.
Dan wara li diġà ntefqu kważi kwart ta’ miljun ewro fl-ewwel fażi ta’ dan is-survey proprju s-sena li għaddiet.
Il-Partit Laburista temm jgħid li jinbidlu kemm jinbidlu l-kelliema tal-Oppożizzjoni, ir-riżultat jibqa’ l-istess. Injoranza assoluta tal-fatti bażiċi, analiżi kompletament bażwija u nuqqas ta’ viżjoni, ħlief għall-kritika bla bażi għal kull miżura pożittiva li jieħu l-Gvern favur il-familji Maltin u Għawdxin.