B’investiment ta’ €1.6 miljun, il-bypass ta’ San Pawl il-Baħar inbena mill-ġdid u ġie aktar sigur.
Dawn ix-xogħlijiet bdew wara li ħarġu numru ta’ xquq flimkien ma’ ħsarat oħra fil-wiċċ tat-triq fuq meded estensivi tul iż-żewġ karreġġjati.
Intant saru wkoll mill-ġdid diversi partijiet tal-bankini eżistenti.
Il-perit responsabbli minn dan il-proġett, Gabriella Anne Curmi spjegat x’kienu jinkludu x-xogħlijiet li saru f’din il-bypass.
“Innaqsu u nikkontrollaw il-krejkjaturi fl-asfalt u nnaqsu l-fatigue life, li tiġri u sseħħ, tifforma l-ammont ta’ stress li t-triq tara minħabba l-ammont ta’ traffiku li jgħaddi minn fuqha kuljum.”
Żar ix-xogħlijiet li saru, il-Ministru għall-Infrastruttura Aaron Farrugia, li tenna li 75% tat-toroq residenzjali li ġew imwiegħda, tlestew. Dan hekk kif saru 1,057 triq minn 1,400.
Il-Ministru Aaron Farrugia sostna li dan l-investiment sar biex itejjeb is-sigurta f’din it-triq prinċipali.
“Il-post huwa tafli, kien hawn diversi xquq u diformazzjonijiet u allura l-bżonn ta’ intervent bħal dan. Nirringrazzja lillhom tax-xogħol illi għamlu, xogħlijiet arterjali u importanti ħafna, kif huma wkoll fit-toroq residenzjali illi issa mexjin biex inkomplu nagħmlu 60 kilometru ta’ toroq fis-sena, imma issa mexjin ukoll għall-mira li missejna mal-75% tat-toroq identifikati għall-pajjiżna.”