Dan huwa Godwin Debattista, li għamel l-isfida Pass Pass għal Puttinu.
Din l-isfida kienet mixja ta’ wieħed u sittin kilometru li bdiet minn Wied il-Mielaħ, f’Għawdex, qasam il-fliegu u baqa’ miexi lejn Birżebbuġa.
Iltqajna ma’ Godwin f’nofs triq, fiż-żona bejn il-Mosta u Ta’ Qali.
Hu qalilna, “Qed inħossni tajjeb bħalissa, wasalna kważi 60,000 pass wara pass għal Puttinu, li huwa ħafna. Tlaqna kmieni dalgħodu minn ġewwa l-Għarb, Għawdex qegħdin hawnhekk kważi l-Mosta. Ingħaqdu ħafna support walkers miegħi, ovvjament bis-social distancing u x’naf jiena. Però bis-sapport tagħhom mexjin ’il quddiem u aħna l-għan tagħna huwa li nidħlu Birżebbuġa llejla għal ħabta tad-disgħa ta’ billejl.”
Qal kif huwa jħossu sodisfatt li qed jagħmel din il-mixja, għaliex Puttinu jagħmel ħafna ġid.
Debattista spjega kif inġabru iżjed minn elfejn ewro: “Naf li jibagħtu madwar 90 pazjent fix-xahar ġewwa l-Ingilterra għal kura speċjalizzata. Qed jippruvaw jespandu u jieħdu aktar propjetajiet fiċ-ċentru ta’ Londra. Għenu ħbieb tiegħi u għenu wkoll familjari u xi ħaġa li nistgħu ntuwhom lura. Id-donazzjonijiet deħlin ġmielhom u nirringrazzja lil kulħadd. Allura huwa xi ħaġa tajba u tħossok tajjeb, sodisfazzjon meta qed tgħin lil ħaddieħor.”