Il-Prim Ministru Joseph Muscat irid jara Partit Laburista iktar pożittiv u ambizzjuż. Huwa saħaq li jimpurtah “mill-pontijiet li rridu nibnu mal-kumplament tas-soċjetà, speċjalment ma’ dawk li huma l-aktar kritiċi tagħna.”Waqt diskussjoni bejn it-tliet kandidati għal Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li kien hemm mumenti fejn ħass li se jerġgħu jinbnew ħitan madwar il-partit bil-għan li jiddefendi lilu nnifsu. Hawnhekk għamel referenza għall-għajta tiegħu meta kkampanja biex ikun mexxej tal-istess partit, jiġifieri l-ħtieġa li jinħattu l-ħitan bil-għan li jkun partit inklussiv.
Dr Muscat qal li l-Partit Laburista mhux se jżomm ruħu ’l bogħod min-nies u jrid jerġa’ jħaddan mentalità pożittiva li għamlet tant ġid fl-aħħar snin.
https://youtu.be/Rg1IwwXQah8
Huwa rringrazzja lit-tliet kandidati għall-mod kif qed jipproġettaw lilhom infushom u li jirriflettu għaqda fil-Partit Laburista.
Filwaqt li għamel referenza għas-suċċessi ekonomiċi, Muscat qal li dan il-Gvern se jkompli jindirizza l-kwistjoni tal-faqar. B’referenza għar-rapport tal-Caritas, Muscat qal li ttieħdu numru ta’ deċiżjonijiet inkluż it-traħħis fil-prezzijiet tal-uniformijiet, li refgħu n-nies mir-riskju tal-faqar.
https://youtu.be/TlfMoONV2wI
Dr Muscat sellem lill-Viċi Prim Ministru Louis Grech, li kien preżenti wkoll għal din id-diskussjoni, wara li fl-aħħar jiem irritorna lura għall-ħidma wara diversi ġimgħat barra mill-uffiċċju tiegħu minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Iddeskrivieh bħala l-partner kruċjali tiegħu li jdaħħal sens komun qawwi f’deċiżjonijiet importanti.