Waħda mill-kumpaniji ewlenin li tipproduċi prodotti tal-kannabis mediċinali qed tħares lejn Malta sabiex tkompli tespandi l-operat tagħha fis-swieq internazzjonali. Il-kumpanija Kanadiża Nuuvera qed tħares lejn Malta sabiex f’pajjiżna tiftaħ laboratorju flimkien ma faċilità tal-kannabis mediċinali.
Dan ħareġ f’rapport ippubblikat mill-istess kumpanija. Ir-rapport juri li l-kumpanija Nuuvera b’kapital ta’ ftit anqas minn ħamsin miljun dollaru mistennija tinvesti f’numru ta’ pajjiżi inkluż f’Malta, l-Italja, Germanja, l-Iżrael, kif ukoll tkompli tinvesti fil-Kanada.
Din il-kumpanija kellha kliem ta’ tifħir ghall-Gvern Malti li bħalissa jinsab fil-proċess li jaġġorna l-leġislazzjoni dwar l-użu tal-kannabis għal skopijiet mediċi. Aġġornament li jista’ jippermetti l-ikkultivar, produzzjoni u esportar tal-kannabis għal skopijiet mediċinali.
Ladarba din il-leġislazzjoni tgħaddi mill-Parlament, Nuuvera mistennija tingħaqad ma’ investituri lokali sabiex tiftaħ faċilità ġdida u tikseb il-liċenzja ta’ Good Manufacturing Practice skond il-proċeduri tal-Unjoni Ewropea.
Kif tinkiseb din il-liċenzja il-kumpanija tkun tista tibda tesporta l-prodotti f’diversi swieq Ewropej. Apparti l-investiment qawwi minn investituri internazzjonali u l-ħolqien ta’ impiegi ġodda din il-kumpanija mistennija traħħas il-prezz tal-kannabis mediċinali.
Din qed tiġi meqjusa bħala aħbar tajba għal dawk il-pazjenti li jeħtieġu l-kura tal-kannabis hekk kif il-prezzijiet attwali huma għoljin ħafna.
Dan ikkonfermah il-Prim Ministru Joseph Muscat fejn fid-diskors tiegħu f’Marsaxlokk rrefera għal dan ir-rapport u sostna li bħalissa l-Gvern jinsab għaddej bid-diskussjonijiet mal-investituri barranin biex jinġieb iktar investiment ta’ kwalità lejn pajjiżna.