Bħal kull sena, il-Korpi Diplomatiċi qed jiltaqgħu mal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż għall-iskambju t’awguri għas-sena l-ġdida.
Ftit tal-ħin ilu fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta, iltaqgħu mal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.
L-Ambaxxatur tal-Iitalja għal Malta Giovanni Umberto De Vito, kellu kliem ta’ tifħir għal pajjiżna, fejn irrikonoxxa l-isforzi li qed isiru għal soċjetà iżjed inklussiva.
Stqarr kif is-sena l-ġdida bdiet b’ċertu inċertezzi fix-xena internazzjonali, ħafna minnhom ikkawżati minn attakki terroristiċi. Għaldaqstant f’dan ix-xenarju appella għal iktar għaqda, u tenna li Malta tista’ sservi ta’ pont biex tgħaqqad in-nazzjonijiet flimkien.
Innota wkoll il-merħba pożittiva li pajjiżna dejjem ta lill-immigranti, u bil-President biswitu, stqarr li ż-żjarat tagħha f’pajjiżi Ewropej dejjem kellhom sinifikat.
Min-naħa tagħha, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca esprimiet it-tama li l-elfejn u sbatax tkun waħda t’iżjed djalogu, iżjed azzjoni u paċi madwar id-dinja.
Intant fil-ħin li ġej għall-ħabta ta’ nofsinhar, il-Korpi Diplomatiċi se jiltaqgħu mal-Prim Ministru Joseph Muscat.