It-Tlieta filgħaxija, fuq stedina tal-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar, saret laqgħa mal-Kummissjoni għall-Vjolenza Domestika u diversi għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu favur id-drittijiet tan-nisa.
Il-laqgħa saret fl-isfond tal-qtil ta’ Chantelle Chetcuti li nqatlet il-Ħadd li għadda allegatament mill-ex maħbub tagħha f’Ħaż-Żabbar.
Il-Ministru qal li l-Gvern se jkompli jiftaħ djalogu soċjali biex titqajjem iktar kuxjenza dwar il-vjolenza domestika.
Matul il-laqgħa, l-għaqdiet talbu biex isir aktar dwar din il-pjaga soċjali, bil-Ministru jħabbar li l-Erbgħa fil-Parlament se jressaq abbozz ta’ liġi li se jkompli jindirizza d-diskriminazzjoni.
Meta mistoqsi fil-ħin tal-mistoqsijiet fil-Parlament għar-reazzjoni tiegħu dwar il-qtil ta’ Chantelle Chetcuti, il-Ministru rrikonoxxa li d-deterrent għall-vjolenza domestika ma ħadimx.
Dr Zammit Lewis stqarr: “Id-deterrent huwa ċar li f’dan il-każ ma ħadimx, ħa nkun ċar jiġifieri x-xogħol illi għamlu gvernijiet suċċessivi f’dan il-każ ma servewx ta’ detterent. Jiena nemmen illi m’hijiex kwistjoni biss ta’ interventi leġislattivi u legali biex nirbħu sitwazzjoni li għandna bħal din.”
Qal li ħafna drabi dawn il-każijiet jiġu rrappurtati fl-għasses tal-Pulizija. Il-ministru Zammit Lewis sostna: “Jiena nemmen li hemm hekk, se nkun qed nagħmel sforz iktar mal-kollega u ħabib tiegħi, il-Ministru Byron Camilleri li jkun hemm iktar training tal-Pulizija eżekuttiva għal dak li huma kif jittackiljaw lin-nies, li jmorru jagħmlu rapport. L-istess hemm bżonn training, psychologists li jaħdmu. Jiġifieri għandna bżonn iktar nies però għandna bżonn iktar training f’dan ir-rigward.”
Fi tmiem it-tweġiba tal-Ministru Zammit Lewis, id-Deputat Nazzjonalista Chris Said qam jopponi għax qal li l-Gvern qed jirriduċi l-ħin tal-mistoqsijiet.
Chris Said: “Jekk irridu nirriduċu l-ħin tal-mistoqsijiet b’dal-mod li għadda nofs il-ħin biex il-Ministru għamel stqarrija fuq dak li ġara llum nirriduċuh hekk.”
Speaker: “Ejja għad-domanda.”
Chris Said: “Ngħaddi għad-domanda, jekk bil-barka tas-sedja…”
Speaker: “Le m’hemmx barka.”
Chris Said: “Lesti li nirriduċu l-ħin tal-mistoqsijiet li huwa ħin importanti fil-kamra, b’dan il-mod, mela nagħmlu hekk, ma jimpurtax.”
Intant fi stqarrija, il-membri tal-programm Lead tal-Partit Laburista qal li jinsabu b’vuċi waħda kontra kull forma ta’ vjolenza domestika. Qal li l-vjolenza domestika hi pjaga fis-soċjetà u n-nuqqas ta’ azzjoni qed jirriżulta biss f’aktar ħajjiet mitlufa. Qalu li bħala nisa li jaspiraw li jagħmlu l-ġid fil-komunitajiet tagħna, juru l-appoġġ tagħhom lill-familja ta’ Chantelle u l-qraba ta’ madwar 37 mara li mietu f’idejn ir-raġel, is-sieħeb, binhom jew qraba tagħhom fl-aħħar 40 sena.
Ara wkoll:
http://www.one.com.mt/2020/02/04/chris-said-jilmenta-dwar-twegiba-fil-parlament-dwar-il-vjolenza-domestika/
http://www.one.com.mt/2020/02/04/lead-bvuci-wahda-kontra-kull-forma-ta-vjolenza-domestika/