Id-differenzi kbar ta’ kif iħarsu lejn is-sitwazzjoni fl-Ukrajna kienu evidenti u kixfu l-qasma bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa fil-konfront tan-negozjati għall-ftehim tal-paċi hekk kif ilbieraħ il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u l-President Franċiż Emmanuel Macron iltaqgħu fil-White House.
Matul jum ta’ diskussjonijiet, Trump u Macron urew rapport ta’ ħbiberija iżda Macron għamilha ċara li ma kienx qed jaqbel ma’ Trump dwar punti fundamentali hekk kif kien qed jiġi mfakkar it-tielet anniversarju minn mindu r-Russja invadiet l-Ukrajna.
Filwaqt li Trump irrifjuta li jirreferi għal Putin bħala dittatur, wara li ġimgħa ilu kien sejjaħ dittatur lil Zelensky, Macron qal li kien ċar li l-aggressur f’dan il-kunflitt kienet ir-Russja.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet Trump deher jiftaħar bl-abbiltajiet tiegħu bħala negozjatur hekk kif saħaq li jrid ftehim għall-waqfien mill-ġlied kemm jista’ jkun malajr u li kien qed jipprova jirranġa wieħed bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Huwa qal li hekk kif jintlaħaq il-ftehim kien imur ir-Russja jiltaqa’ ma’ Putin.
Min naħa tiegħu Macron sostna li l-ewwel irid ikun hemm tregwa u wara ftehim għall-paċi li jinkludi garanziji stretti ta’ sigurtà. Macron quddiem il-ġurnalisti tenna li “Aħna rridu l-paċi, huwa jrid il-paċi. Irridu l-paċi malajr, iżda ma rridux ftehim li hu debboli. Kwalunkwe ftehim għall-paċi irid jiġi assessjat, iċċekkjat u vverifikat”.
Madankollu, iż-żewġ mexxejja qablu li meta jiġi milħuq ftehim għall-paċi, fl-Ukrajna jintbatu forzi Ewropej għaż-żamma tal-paċi biex jassiguraw li t-termini tal-ftehim ma jinkisrux.
Trump qal li Putin jaċċetta dan il-kunċett għax kien staqsih speċifikament il-mistoqsija u qal li ma kellu l-ebda problema dwar dan. Dan imur kontra dak li ddikjara l-istess Putin il-ġimgħa l-oħra meta qal li definittivament ma kienx se jaċċetta l-ebda ftehim li jinkludi li jintbatu truppi taż-żamma tal-paċi fl-Ukrajna.