B’laqgħa fil-palazz tal-Presient bdiet il-mixja lejn ir-riforma kostituzzjonali, kif imwiegħed mill-Partit Laburista fil-Gvern.
Dan biex Malta jkollha kostituzzjoni aktar inklussiva, ġusta u addattata għall-bżonnijiet ta’ soċjetà moderna.
Il-laqgħa saret l-Erbgħa waranofsinhar bejn il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, u rappreżentati nnominati miż-żewġ partiti ewlenin fil-Parlament li flimkien għandhom iwittu t-triq ‘il quddiem għal din ir-riforma.
Il-kumitat huwa magħmul mill-Ministru Owen Bonnici, is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia u l-eks deputat Prim Ministru Louis Grech f’isem il-Partit Laburista u d-deputat Nazzjonalsita Chris Said, l-eks Viċi Kap Nazzjonalista Tonio Borg u Amy Camilleri Zahra għall-Partit Nazzjonalista.
L-ewwel darba li ssemmiet riforma fil-kostituzzjoni Maltija kien qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013, meta l-Prim Ministru għamilha ċara li dan il-proċess għandu l-għan li jimmodernizza l-istituzzjonijiet u jsaħħaħ id-demokrazija.
F’kummenti ma’ ONE News, is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli ddesriviet il-mixja li se jagħmel Gvern Laburista bħala waħda mill-aktar mixjiet storiċi li qatt jista’ jagħmel il-poplu Malti u Għawdxi:
“Meta tħares lejn il-mod kif kienet mibnija u mfassla l-ewwel kostituzzjoni ta’ Malta, li għandna, kienet top to bottom. Għall-ewwel darba qed nuru kif aħna nemmnu li din ir-riforma għandha tinbena. Riforma li nemmnu li l-poplu se jkollu ċ-ċans li jagħti s-suġġerimenti tiegħu dwar dawk il-klawżoli li fl-opinjoni tiegħu għandhom jinbidlu biex jirriflettu r-realtajiet soċjali tal-lum”
Fl-aħħar żmien, Gvern Laburista diġà wettaq riformi storiċi f’dan il-qasam, fosthom l-introduzzjoni tal-liġi tal-Kummissarju għall-Istandards.