Malta qed tospita s-57 laqgħa tal-bord tat-tmexxija tal-Programme for International Student Assessment, magħruf bħala PISA. Madwar 200 delegat, li jirrappreżentaw 78 pajjiż minn madwar id-dinja, jinsabu fostna għal-laqgħa fuq tlett ijiem mill-Erbgħa sal-Ġimgħa f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta.
Il-bord tat-tmexxija tal-PISA jiltaqa’ darbtejn fis-sena biex jiddiskuti u jippjana l-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti, mill-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku, l-OECD.
Is-sehem ta’ Malta jipprovdi perspettiva kritika li tippermettilna nevalwaw l-impatt tal-politiki u l-prattiki edukattivi ta’ pajjiżna fi sfond globali.
Il-laqgħa nfetħet mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, li aċċenna għax-xogħol li qed jittrasforma s-settur edukattiv f’pajjiżna, fejn stqarr li stħarriġ bħalma huwa l-PISA 2022 iservi bħala għodda siewja fl-isforz kontinwu tagħna biex intejbu r-riżultati edukattivi f’Malta.
Il-Ministru Grima qal li, bl-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni sal-2030, qed titnieda trasformazzjoni fejn, flimkien, nimbarkaw fuq perkors fejn jinbena wirt edukattiv li jagħti s-setgħa, sistema edukattiva ta’ inklużjoni u futur mibni fuq l-isforz kollettiv ta’ pajjiżna.
Tenna li r-riformi edukattivi f’Malta u l-istrateġija nazzjonali l-ġdida huma eżempju ta’ approċċ proattiv u komprensiv għat-trawwim ta’ sistema edukattiva li tkun ekwa, inklussiva u lesta biex tilqa’ l-isfidi tal-futur. Fost sfidi li qed naraw, semma fost l-oħrajn it-tluq bikri mill-iskola fejn irid jiġi provdut appoġġ imfassal apposta.
Ġie spjegat li l-istrateġija toffri gwida għal inizjattivi strateġiċi mmirati biex jirfinaw il-kurrikulu, tadotta metodoloġiji ta’ tagħlim innovattiv, u tiżgura li kull student, irrispettivament mill-isfond tiegħu, ikollu aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità.
Il-Ministru kompla li dan il-perjodu ta’ awto-analiżi u evalwazzjoni, ipprovduti minn PISA, hu ferm aktar minn sempliċi verifika tar-riżultati edukattivi, għax jirrappreżenta opportunità kritika għal Malta biex tirrifletti, tippjana u tmexxi triq ta’ trasformazzjoni edukattiva sostanzjali.
Dwar dan tkellem ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Matthew Vella, li qal li permezz tal-bidla progressiva lejn school-based assessments qed nimxu lil hinn mill-eżamijiet tradizzjonali.
Tenna li dan kollu qed isir, għax il-Gvern jemmen bis-sħiħ li kull student għandu jkollu kull opportunità li jimmassimizza l-potenzjal kollu tiegħu.
Sadanittant f’kumment li tat lill-midja, iċ-Chairperson tal-bord tat-tmexxija tal-PISA, Michele Bruniges, li qed tmexxi l-laqgħat fostna, spjegat x’inhu l-iskop tal-laqgħat li qed isiru.
Qalet li, f’din il-57 laqgħa tal-bord tat-tmexxija għandhom aġenda tajba ħafna, fejn, fost l-oħrajn, se jkunu qed jevalwaw ir-riżultati li kienu ħarġu lura fl-2022, kif ukoll il-preparazzjoni għall-assessjar tal-2025.