Wara l-approvazzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar għall-binja ġdida għall-Outpatients fl-Isptar Mater Dei, bosta ħaddiema u anke membri tal-amministrazzjoni tal-isptar laqgħu l-aħbar b’sodisfazzjon kbir.
ONE News tkellem ma’ Carmen Ciantar, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, li spjegat kif din il-binja se jkollha fost oħrajn żona ta’ parkeġġ li se jesa’ sitt mitt karozz u venda għat-trasport pubbliku biex wieħed jevita l-konġestjoni tat-traffiku fiż-żona madwar l-isptar. Apparti minn hekk, il-binja nnifisha se tkun ta’ ħames sulari, u mistennija tirdoppja l-faċilitajiet kliniċi ta’ Mater Dei. Ciantar qaltilna li l-approvazzjoni għall-proġett waslet wara snin ta’ konsultazzjoni ma’ diversi entitajiet involuti.
Hija qatlilna: “Sadattant ovvjament, tkellimna mal-Awtorità tat-Trasport, ma’ Infrastructure Malta, ma’ tal-Wirt Kulturali, l-ERA u diversi entitajiet sabiex ovvjament aħna ma niġux fl-aħħar u jkun hemm xi affarjiet li ma jkunux skont l-istandards jew il-bżonnijiet ambjentali neċessarji, u allura kellna proċess kontinwu ta’ konsultazzjoni rigoruż dawn l-aħħar tliet snin.”
Il-binja hija se tkun sinifikanti wkoll biex jissaħħaħ il-futur tas-servizz tas-saħħa f’Malta u Għawdex.
Hija sostniet: “Huwa proġett importanti ħafna kemm għal Malta u anke għaċ-ċittadini għaliex ovvjament aħna dejjem nixtiequ nkabbru s-servizzi li jingħataw fl-outpatients. Il-popolazzjoni qed tikber, allura dejjem ikollna bżonn li naġġornaw ruħna mal-bżonnijiet ta’ Malta bażikament.”
Il-Kap Ezekuttiv tal-Isptar Mater Dei Celia Falzon qalet li l-isptar bħala organizzazzjoni bidel il-mod kif jivesti. Spjegat li dan mhux investiment iżolat għaliex anke fi żmien pandemija saru investimenti oħra grazzi għall-appoġġ tal-Gvern.
Hija sostniet: “Hawn investiment enormi għaddej fis-settur tas-saħħa, investiment kontinwu u bla waqfien. Sibna l-appoġġ fil-pandemija, għal dak kollu li kellna bżonn, sibna l-appoġġ tal-Gvern li tagħna miljuni ta’ flus biex aħna investejniehom fit-tagħmir li kellna bżonn u s-servizzi li kellna bżonn, u fl-istess waqt bqajna għaddejjin b’dawn l-investimenti, dawn ix-xogħlijiet kbar madwar Malta kollha.”
L-outpatients il-ġdida se jkollha teknoloġija tal-ogħla livell, biex is-servizz li jingħata lill-pazjent ikun l-aqwa wieħed possibbli.
Dr Falzon tenniet: “Dejjem nimmiraw li nkunu ma’ ta’ quddiem, li l-ewwel teknoloġiji li jidħlu u jkunu validati, naddottawhom f’dan l-isptar biex nagħtu l-aqwa servizz, u kemm jista’ jkun, ikun servizz sostenibbli. It-teknoloġija tgħina biex is-servizz ikun iktar u iktar sostenibbli.”