Imsieħba soċjali li tkellmu ma’ ONE News urew sodisfazzjon għad-deċiżjoni tal-Gvern li l-COVID Wage Supplement jitnaqqas gradwalment mix-xahar id-dieħel iżda’ jibqa’ jingħata sal-aħħar tas-sena.
It-tnaqqis se jsit skont l-impatt fuq id-dħul tal-kumpanija, li jfisser li l-għajnuna se tibqa’ hemm għal min ikollu bżonn.
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u r-Ristoranti, Tony Zahra spjega kif minn tilef aktar minn ħamsa u ħamsin fil-bejgħ tiegħu, jiġifieri l-aktar li huma milquta ser jibqgħu jirċievu l-benefiċċju b’mod sħiħ.
Huwa stqarr: “Il-wage supplement mhuwiex ser jieqaf għal kulħadd l-istess. Infatti, jekk inti tlift iktar minn ħamsa u ħamsin fil-mija mid-dħul tiegħek allura ser tibqa’ l-istess sal-aħħar tas-sena. Però jekk inti ma tliftx ħamsa u ħamsin fil-mija allura ser jiġi dak li ngħidulu tapered off.”
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xureeb qaltilna li dan it-tapering se jevita sitwazzjoni ta’ xokk lill-ekonomija.
Hija qalet, “L-ewwel ħaġa, importanti li nifhmu li l-wage supplement ma jistax jibqa’ hemm għal dejjem jiġifieri ma nistgħux nibqgħu dipendenti fuqu bħala settur privat għal futur li ġej. Huwa fatt li hemm kumpaniji li għad għandhom bżonn l-għajnuna u naħseb li t-tapering jagħmel sens f’dan il-kuntest li ma jkunx hemm xokkijiet fis-sistema u li l-wage supplement jonqos b’mod gradwali.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, Abigail Mamo stqarret kemm kienet importanti li l-Gvern ikkonsulta mal-imsieħba soċjali biex wasal għal din id-deċiżjoni.
Hija saħqet: “Naħseb l-aktar parti importanti hija kif wasalna ovvjament għal din id-deċiżjoni li saret b’konsultazzjoni sħiħa. Rajna meta n-negozji l-aktar li jistgħu jassorbu din il-ħaġa, li jistgħu jieħdu din it-tibdila tat-tapering għax ħa tkun qed tfisser għal ammont ta’ negozji inqas għajnuna minn naħa tal-Gvern fuq il-wage supplement. Però saret b’ħafna diskussjoni, saret b’mod li l-aktar il-pajjiż u n-negozji setgħu isostnu.”