Diversi msieħba soċjali laqgħu r-rilaxx tal-kumplament tal-miżuri wara l-imxija tal-Coronavirus.
Il-Prim Ministru Robert Abela t-Tnejn filgħaxija ħabbar li min-nhar il-Ġimgħa se jitneħħew kważi r-restrizzjonijiet kollha, bin-nies mistennija li jżommu l-prinċipji tad-distanza soċjali, il-ħasil frekwenti u sew tal-idejn u l-użu ta’ maskri protettivi hekk kif jirritornaw għall-ħajja ta’ qabel.
Dan filwaqt li mill-1 ta’ Lulju se jinfetaħ l-ajruport minn u lejn 19-il destinazzjoni.
Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li din kienet ġurnata li dejjem xtaqet li tasal mill-iżjed fis mingħajr ma tagħmel pressjoni żejda fuq l-awtoritajiet tas-saħħa.
Huwa stqarr magħna: “Il-komunità tan-negozju kienet ilha tipprepara għal meta deċiżjonijiet bħal dawn kienu se jittieħdu u konna qegħdin naraw ħafna risk assessments u method statements minn ħafna setturi tan-negozju biex meta tiġi ġurnata bħal din tkun tista tiftaħ b’mod li sserraħ ras il-klijenti u kull min se jieħu servizz waqt li jirrispetta s-saħħa fiżika tagħhom.”
Sentiment simili kien espress minn Philip Fenech, f’isem it-taqsima tat-turiżmu u d-divertiment fi ħdan il-kamra tan-negozji żgħar u medji.
Is-Sur Fenech qal: “Il-fatt li issa ftaħna segment ieħor mill-ekonomija hija naturalment pożittiva għax in-negozji huma ħerqana li jiftħu u biha issa se niftħu segments oħrajn. Għad irridu nisimgħu x’negozji oħrajn imma ċertament li din tal-bars għall-industrija tad-divertiment hija pożittiva.”
Reazzjoni pożittiva wkoll mill-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u r-Ristoranti l-MHRA fejn qalet li dan hu pass fid-direzzjoni t-tajba. Semmiet li minkejja d-diffikultajiet u l-inċertezzi preżenti, b’ħidma kkordinata minn dawk kollha involuti jerġa jasal f’qasir żmien is-suċċessi u r-riżultati tajbin.
Intant il-kumpanija li tmexxi l-ajruport internazzjonali ta’ Malta ukoll laqgħet id-deċiżjoni li jinfetaħ mill-ġdid l-ajruport.
Il-kumpanija qalet li minkejja li l-iskeda ta’ titjiret se tkun lejn numru żgħir ta’ postijiet, il-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport huwa l-ewwel pass importanti sabiex l-industrija tal-avjazzjoni lokali u dik turistika jibdew jirkupraw.