Ir-rappreżentanza qawwija tal-mara fost is-sitt Ewroparlamentari ġodda Maltin, intlaqgħet tajjeb mill-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza Helena Dalli. Qalet li Malta għamlet pass ieġor ‘il quddiem lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament Ewropew.
Dr Dalli saħqet li flimkien ma’ pajjiżi oħra ewropej, Malta qiegħda fil-quċċata fost il-pajjiżi li rnexxielhom jilħqu dan l-għan.
Qalet li ż-żewġ kandidati li kisbu l-akbar ammont ta’ voti miż-żewġ partiti kienu kandidati nisa. Hija ttama li s-suċċess tagħhom ikun ta’ ispirazzjoni għal nisa oħra biex jidħlu fix-xena politika. Madankollu qalu li dan is-suċċess mhux riflessjoni tas-sitwazzjoni fil-Parlament Malti li għandu t-tieni l-inqas persentaġġ ta’ nisa fl-Unjoni Ewroea.
Dwar dan, is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli qalet li tħares ’il quddiem biex fil-Parlament Malti wkoll ikollna ugwaljanza fir-rappreżentanza.
Qalet li l-ugwaljanza u l-bilanċ bejn is-sessi m’għandhomx kuluri politiċi u hija bżonjuża jekk tassew nemmnu f’soċjetà inklussiva.
Fakkret li bħalissa għaddejja konsultazzjoni pubblika dwar miżuri pożittivi għal rappreżentanza ugwali fil-Parlament ta’ pajjiżna u din se tibqa’ miftuħa sat-tieni Sibt ta’ Ġunju.