Id-ditta legali Chetcuti Cauchi laqgħet il-konklużjonijiet tar-rapport invesigattiv tar-Regolatur tal-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment.
Fi stqarrija, l-Avukat Jean Philippe Chetcuti, wieħed mis-sieħba ta’ din id-ditta legali sostna li r-rapport tar-regolatur wera ċar daqs il-kristall li l-allegazzjonijiet mill-ġurnalist Franċiż tal-programm M6 kienu foloz.
L-Avukat Chetcuti sostna li l-konklużjonijiet tar-rapport ma kinux sorpriża u rrimarka li huma qatt ma ppreżentaw klijenti b’rekord kriminali. Qal li hija gidba kbira meta waqt il-programm Franċiż ingħad li d-ditta legali Chetcuti Cauchi ppruvat tinfluwenza lill-uffiċjali sabiex jagħtu ċittadinanza lill-persuni kriminali.
Sostna wkoll li r-rapport innota li d-ditta legali Chetcuti Cauchi qatt ma ppruvat tinfluwenza xi Ministru tal-Gvern sabiex tagħti vantaġġi lil xi klijenti.
Innota wkoll li r-rapport ma sab l-ebda evidenza li xi ħadd pprova jdur mal-kriterji tal-għażla ta’ min għandha tingħata ċ-ċittadinanza.
L-Avukat Chetcuti rrimarka wkoll li fir-rapport tar-regolatur m’hemm l-ebda indikazzjoni li d-ditta legali li huwa sħab fiha qatt pparteċipat f’xi attività li ssemmiet fil-programm.
Fl-aħħarnett sostna li d-ditta legali Chetcuti Cauchi dejjem kienet professjonali, etika u qatt ma kisret l-ebda liġi.
Chetcuti għalaq l-istqarrija billi qal li d-ditta legali qed tikkopera mal-awtoritajiet kompetenti kollha hekk kif inhu l-obbligu tagħha.