Il-pandemija tal-COVID-19 biddlet il-mod li bih isir il-proċess tal-fostering, madanakollu ma affetwax in-numru ta’ koppji jew persuni li ressqu għand id-Direttorat tat-Tfal biex joffru ambjent ta’ familja lil tfal li jinsabu fuq il-lista tal-fostering.
Graziella Farrugia, ħaddiema soċjali fid-Direttorat tat-Tfal, spjegat illi n-numru ta’ talbiet baqa’ l-istess minkejja l-imxija.
Hija spjegat: “Pjuttost jiġifieri jkollna min iċempel u jistaqsi jekk jiġu t-tfal bħalissa, kif għandi nġib ruħi jew x’miżuri rrid nieħu.”
“U aħna nigwidawhom, ovvjament nimxu l-aħjar interess tat-tfal kif ukoll insegwu l-miżuri li qed jingħataw lilna mill-awtorità tas-saħħa.”
Is-servizz għall-fostering qed jingħata online filwaqt d-Direttorat nieda wkoll sensiela ta’ seminars online li jsiru darba f’ġimgħa, li jitrattaw diversi temi, għal kull min fetaħ daru għat-tfal permezz tal-fostering.
Graziella sostniet: “Dawn in-nies ma jitħallew qatt waħidhom, aħna l-ħaddiema soċjali mis-servizz tal-fostering u t-tfal li jkunu qed jgħixu magħhom dawk għandhom ħaddiema soċjali apparti mis-servizz tal-looked after. Naħdmu ħafna flimkien sabiex nassiguraw li l-għan tal-fostering qed isir.”
Fl-aħħar 4 snin żdied in-numru ta’ tfal li sabu l-bieb miftuħ ta’ koppji u persuni li laqgħuhom f’familthom u tawhom kenn u wens b’imħabba liema bħala.
Fil-fatt minn tagħrif parlamentari kien hemm mal-1,400 tifel u tifla li ġew fostered madanakollu, l-appell jibqa’ dejjem wieħed.
“Nappellaw sabiex dawk in-nies li għandhom imħabba x’jagħtu, għandhom l-esperjenza wkoll jersqu għandna sabiex ikunu jistgħu joffru ambjent ta’ familja lil dawn it-tfal,” kompliet tgħid Graziella.