L-imsieħba soċjali laqgħu l-politika nazzjonali li nieda l-Gvern kmieni din il-ġimgħa li se tiffoka fuq il-ħila tal-ħaddiem biex dan jaqla’ paga aħjar.
F’kummenti ma’ ONE News, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb, spjegat li fost il-proposti fil-politika finali hemm rakkomondazzjonijiet li tkellmet fuqhom il-Kamra stess tul il-konsultazzjoni.
Qalet, “Nilqgħuha tajjeb ħafna. Fl-40 proposta li hemm, 20 minnhom kienu parti mill-proposti li għamilna tul il-konsultazzjoni. L-aktar importanti li ħarġet, li qbilna fuqha kemm bħala Gvern u anke bħala Kamra, hi li ngħollu l-livell tal-ħiliet tal-ħaddiema biex ikollna prodotti u servizzi ta’ kwalità aħjar u jitjiebu l-pagi b’dan il-mod.”
Dan smajnih ukoll meta tkellimna mal-Viċi-President tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem Doris Sammut Bonnici, li qalet li l-ħaddiem għandu jħares lejn li jtejjeb l-edukazzjoni tiegħu bħala titjib fil-prezz tiegħu fis-suq.
Spjegat, “Il-ħaddiem irid iħares lejn xogħlu u lejh innifsu: x’jiswa’ hu u kif jista’ jtejjeb il-prezz tiegħu anke għal min iħaddmu. Ikun tajjeb għalih li jħaddmu u kif għidna diġà jrid ikun preparat sew b’edukazzjoni bażika. Però jekk inti trid paga avvanzata biex inti tgħix komdu trid tagħmel ħiltek.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja qal ukoll li dan jorbot anke ma x’jixtieq il-ħaddiem modern fid-dinja tal-lum.
Qal, “Illum il-ħaddiem ma jridx aktar impjiegi imma jrid karriera, li jara fejn beda llum u fejn se jiżviluppa. Inutli nitkellmu fuq li noħolqu l-impjiegi ġodda għaliex ħaddiem ma jridx jagħmel 40 sena fl-istess post imma jrid jibqa’ jiżviluppa ruħu u li aħna nagħtuh l-opportunitajiet b’pagi aħjar.”
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji Abigail Mamo saħqet dwar l-importanza li lkoll kemm aħna nadattaw għar-realtajiet, fosthom x’jitqiesu bħala ħiliet bażiċi llum.
Qalet, “Eżempju wieħed: illum m’għadhiex il-bażi li tkun taf tikteb, taqra, titkellem bil-Malti u bl-Ingliż, imma l-bażi hi li anke jkollok ħiliet diġitali bażiċi ħafna. Anke li jkollok ‘work ethic’ tajba li se timmotivak fuq il-post tax-xogħol u tgħinek tibqa’ tavvanza.”