L-Għaqda BirdLife Malta laqgħet l-aħbar li l-Gvern se jkun qed jinvesti €50 miljun fi proġett li se jagħmilha possibbli li l-cruise liners marbutin mal-moll fil-Port il-Kbir jiġu pprovduti bl-elettriku minn fuq l-art, pass fid-direzzjoni t-tajba li se jġib miegħu benefiċċji f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwalità tal-arja għal dawk kollha li jgħixu f’dawn l-inħawi.
Fi stqarrija BirdLife Malta qalet: “Nilqgħu din l-aħbar pożittiva b’sodisfazzjon akbar minħabba l-fatt li BirdLife Malta ilha għal dawn l-aħħar snin tmexxi kampanja biex tqajjem kuxjenza dwar l-importanza li jonqos it-tniġġis tal-arja ġġenerat mill-vapuri tal-passiġġieri fil-Mediterran. “
BirdLife Malta sosniet li grazzi għall-Grand Harbour Clean Air Project li tħabbar ilbieraħ mill-Ministru Ian Borg, l-installazzjoni ta’ din l-infrastruttura fil-Belt se tippermetti li bastimenti fil-port ikunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom u jieħdu l-provvista tal-elettriku minn mal-moll – xi ħaġa li se twassal biex jonqsu drastikament l-emissjonijiet fuq iz-zona tal-Port il-Kbir u lilhinn minnha.
Permezz tal-proġett “Together against Air Pollution from Ships” imniedi f’Diċembru 2016, BirdLife Malta kienet għaddejja b’ħidma ma’ diversi msieħba u NGOs ambjentali oħra fil-Mediterran f’dan is-settur importanti. Li jsir investiment f’din it-tip ta’ teknoloġija biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-vapuri kienet waħda missoluzzjonijiet proposti minn dan il-proġett, flimkien mal-oġġettiv ewlieni li tiġi stabbilita dik li tissejjaħ Emission Control Area (ECA) fir-reġjun tal-Mediterran. ECA tkun żona fil-baħar li fiha jiġu imposti kontrolli aktar stretti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-vapuri, temmet tgħid BirdLife Malta.
Aqra wkoll:
http://www.one.com.mt/2020/02/04/jitnieda-progett-li-ser-inaqqas-90-tat-tniggis-fl-arja-mill-vapuri-li-jzuru-l-port-il-kbir/